top of page

L-Aspett Pubbliku ta’ Papa Benedittu XVI


Nhar Il-Ġimgħa, 21 ta’ April, fis-Sala tal-Konferenzi ĊAK, ġie mniedi l-ktieb “L-Aħħar Taħdit” ta’ Benedittu XVI ma’ Peter Seewald bi traduzzjoni ta’ Joseph Debono. Dawn huma ftit mill-kummenti li għamilt waqt is-serata:



“Alla tal-fidi u Alla tal-filosofija.” Dan kien it-titlu tal-ewwel lecture li ta Joseph Ratzinger fl-1959. Din it-tema – ir-relazzjoni bejn ir-revelazzjoni u r-raġuni – hija tema li jibni fuqha tul il-ħajja pubblika tiegħu.

Huwa jasal għall-istess konklużjoni li wasal għaliha Santu Wistin: “Mingħand il-Platoniċi tgħallimt li ‘fil-bidu kienet il-kelma’. Mingħand l-Insara tgħallimt li ‘l-kelma saret bniedem’.”

Benedittu XVI għaraf li l-fidi, r-raġuni u d-dinamika ta’ bejniethom, jistgħu isarfu f’ġid għas-soċjeta – soċjeta li, sfortunatament, mhux dejjem għarfet taprezza l-għerf u l-profondita’ tal-messaġġ li xtaq iwassal.

Benedittu XVI huwa l-Papa tad-djalogu; il-Papa li fetaħ bosta triqat biex ikun hemm konversazzjoni miftuħa u onesta bejn nies ta' twemmin differenti u l-Knisja Kattolika.

Għaraf ukoll li hemm minn hu Kattoliku tal-isem biss u għalhekk sejjaħ għal evanġelizazzjoni ġdida biex il-mixja ta’ fidi tkun iktar profonda. Is-“Sena tal-Fidi” kienet okkażjoni biex wieħed jirifletti fuq dan l-aspett fil-ħajja tal-bniedem

Benedittu XVI huwa ukoll il-papa professur li ħalla wirt ta’ kitbiet li żgur ser ikomplu isarfu f’ġid spiritwali.

Kiteb tlett enċikliċi; Deus Caritas Est (2005) dwar l-imħabba t’Alla, Spe Salvi (2007) dwar it-tama Nisranija u l-enċiklika soċjali Caritas in Veritate (2009). It-Triloġija “Ġesu ta’ Nazaret,” li kiteb matul il-pontifikat tiegħu, turina kemm xtaq iħabbeb lill iktar nies ma’ Kristu.

Id-diskorsi pubbliċi tiegħu huma forma ta’ sfida għas-soċjeta; soċjeta li, fi kliem Papa Piju XII, “m’għandiex is-saħħa tneħħi l-ġebla tal-qabar li hi stess tibni.”

Tlett diskorsi jispikkaw.

Fl-Omelija tal-Quddiesa “Pro Eligendo Romano Pontefice” huwa jwissi kontra “id-dittatorjat tar-relattiviżmu li ma jirikonoxxi xejn definit u li l-unika għan hu dak li wieħed jissodisfa l-ego u x-xewqat tiegħu.

Fil-lectio magistralis fl-Universita’ ta’ Regensburg, Benedittu XVI jirifletti fuq l-interazzjoni bejn il-fidi u r-raġuni. Fid-dinja tal-Punent, daħlet id-drawwa li l-fidi tiġi eskluża b’mod kategoriku mill-ħajja pubblika. Iżda jekk ir-reliġjon titqies biss bħala subculture, titlef is-saħħa biex tidħol fid-djalogu mal-kulturi. Id-diviżjonijiet vjolenti li qed naraw illum huma frott ta’ dan.

Fid-diskors fil-Houses of Parliament, waqt iż-żjara tiegħu fir-Renju Unit, Benedittu XVI jirifletti fuq is-soċjeta u l-governanza. Josserva li l-periklu fundamentali fis-soċjetajiet preżenti huwa dak li d-deċiżjonijiet jittieħdu biss fuq bażi ta’ dak li hu popolari jew li jwassal għal konsensus. Dan qed isir fil-preżent f’bosta oqsma; speċjalment fuq kwistjonijiet tas-sagralità tal-ħajja u l-identita tal-ġeneru.

Mingħajr għeruq b’saħħithom imsejsa fuq prinċipji morali u etiċi, l-governanza titlef l-abbilita li tippjana fit-tul. Hemm il-periklu li l-istrutturi governattivi, li suppost jitmexxew fuq prinċipji razzjonali, jinħakmu jew jiġu mmanipulati. Dan iwassal biex titnaqqar id-dinjita’ tal-individwu, u jinħolqu l-inġustizzji soċjali. Għal Benedittu XVI, anki r-raġuni u r-razzjonalita’ għandhom il-limiti tagħhom.

Benedittu XVI jgħallem ukoll fir-rinunċja tiegħu tal-Ministeru Petrin. Kien ġest ta’ umiltà u imħabba xprunat minn l-eta avvanzata tiegħu. Fl-għażla ta’ ħajja ta’ talb, kontemplazzjoni u riflessjoni, huwa juri kemm hi importanti din il-vokazzjoni għal Knisja. Fl-ubbidjenza lejn is-suċċessur tiegħu, Benedittu XVI juri s-sens ta’ lealta u imħabba li għandu lejn Kristu u l-Knisja tiegħu.

Fil-ktieb li qed jiġi mniedi illejla, “L-Aħħar Taħdit” ta’ Benedittu XVI ma’ Peter Seewald u bi traduzzjoni għal Malti minn Joseph Debono, naraw ftit ħjiel ta’ dan il-bniedem daqsekk kbir – bniedem li għen biex titfassal il-Knisja post-Konċiljari.

Tag Cloud
bottom of page