top of page

"The Light Shines in Darkness"


I wrote the reflections for the Christmas Eve Vigil at St Mark’s Church, Rabat. I am sharing the text of these reflections, which were delivered in Maltese. A blessed Christmas to everyone.


“Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.” Hekk jgħidilna San Ġwann fil-prologu tal-Evanġelju. Illum nġbarna hawn, fid-dalma tal-lejl, biex niftakru f’dak id-Dawl li ma jingħelibx; biex niċċelebraw li l-Verb sar bniedem u għammar fostna.


It-twelid ta’ tarbija hija dejjem okkażjoni speċjali ta’ ferħ. Quddiem tarbija ċkejkna – li hi dgħajfa u li tiddependi għal kollox minn dawk li jieħdu ħsieba – naraw kobor kbir. Nitfixklu quddiem il-misteru tal-ħajja li dejjem tiġġedded minkejja t-taħbit tad-dinja. Naraw it-tama fil-futur. Nħossu r-risponsabbiltà tagħna biex infasslu ġejjieni xieraq. Nitpaxxew bl-isbuħija u l-innoċenza tagħha. Inħossu sens ta’ gratitudni lejn Alla li jżomm u jsostni l-ħajja...


It-tarbija li tagħha nfakkru t-twelid illum, tħalli dan l-effett fina wkoll. Minn ħafna qabel, nibdew nippreparaw għal din il-festa li tilħaq il-qofol tagħha f’dan il-lejl qaddis. Noħorġu l-presepji, narmaw is-siġra tal-Milied, nixtru r-rigali, nagħtu l-awguri u nixgħelu d-dwal kullumkien – din it-tarbija, bħal kull tarbija oħra, tbiddlilna r-rutina.


Imma din it-tarbija li ilna nippreparaw għaliha, hija differenti minn kull tarbija oħra. Fit-tarbija li twieldet ġewwa Bethlehem, Alla jurina l-kobor tiegħu. F’din it-tarbija, Alla jsir bniedem. Alla jiċċekken u, hu u jiċċekken, jgħolli d-dinjità tal-bniedem.


Bħalna trabba f’familja, lagħab ma’ sħabu, tgħallem is-sengħa ta’ missieru, kellu l-mumenti fid-deżert interjuri, beka, ħass il-kompassjoni u għex l-esperjenza umana.


Qatt ma fittex l-unuri u l-għorrief ta’ din id-dinja. Kienu r-rgħajja – l-imwarrbin – li laqgħu l-aħbar tat-twelid tiegħu. Meta kiber u beda l-ħidma tiegħu għażel bħala dixxipli sajjieda u pubblikani. Vjaġġaw minn post għall-ieħor fuq toroq imħarbta, raqdu mal-art – qatt ma ġrew wara l-kumdità. F’dawn il-vjaġġi wriena li hu t-triq, il-verità u l-ħajja.


Dawk li laqgħuh ma kienux għorrief. Imma l-kelma tiegħu misset lil dawk li l-aktar kellhom bżonnha; dawk li s-soċjetà ta’ żmienhom kienet twarrabhom – il-morda, l-infetti, n-nisa tat-triq, il-pubblikani, il-midinba, l-għomja u l-ħallelin li fih raw il-fejqan mhux biss tal-ġisem iżda wkoll tar-ruħ.


Missierna Santu Wistin jirifletti fuq dan u jdur lejn Alla u jgħidlu: “Inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u wrejthom liċ-ċkejknin, biex huma li jinsabu mħabbtin u mtaqqlin jiġu għandu u huwa jserraħhom, għaliex hu ta’ qalb ħelwa u umli, imexxi l-imsejkna fis-sewwa u jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu, jara n-niket u d-diqa tagħna u jaħfrilna ħtijietna kollha.” (conf. 7, 9)


Huwa f’dan l-ispirtu li niġu hawn illejla. Ilkoll kemm aħna nġorru fina t-toqol u d-dlam. Imma niġu hawn għax nemmnu li din it-tarbija tista ġġib bidla kbira f’ħajjitna – dejjem jekk aħna nħalluha.


Nemmnu li, minkejja li dawn iż-żminijiet huma mimlija festi u parties, ikel u xorb, dawl u tiżjin, rigali u riċevimenti, awguri u messaġi – jibqa vojt kbir ġewwa fina jekk ma nilqgħux lil Kristu fostna.


Illejla nafu li Alla jrid jerġa jitwieled fil-qalb tagħna. U din l-istedina ma ssirx biss illejla – imma kuljum. Din it-tarbija sempliċi trid ġġib il-ferħ fostna wkoll:

Trid iġġib il-paċi u l-ġustizzja f’dinja li ma tridx taf bihom, jew li tifimhom b’mod differenti, għax hekk jaqblilha.

Trid tibda tfejjaq il-feriti u l-ġrieħi li qed jeqirdu, bil-mod il-mod, is-soċjetà li ngħixu fija Trid titwieled fil-familji tagħna biex verament ikun hemm l-għaqda Trid ittina t-tama fis-salvazzjoni Trid turi li l-għerf ta’ din id-dinja ma jiswa xejn quddiem il-kobor t’Alla – huwa bħat-tiben li jaqbad malajr u li jispicca fix-xejn. Trid turi li hemm il-maħfra – li m’hemm l-ebda dnub li hi ma twelditx biex iġġorr fuq spallejha Trid turina li, għalkemm madwarna forsi hemm id-dlam, huwa propju f’dan id-dlam li l-kobor t’Alla jidher jiddi l-aktar; fid-dalma tal-lejl tal-Milied u fid-dalma tal-għodwa tal-Għid, Alla juri min hu.

Għalhekk, ejjew verament nħallu lil din it-tarbija tbiddel ħajjitna.



Fi żmien l-Avvent, il-Knisja Universali ma tlissinx il-Glorja fil-Quddiesa tal-Ħadd. Imma illejla, meta l-glorja t’Alla tidher f’din it-tarbija, ningħaqdu mal-anġli li dehru madwar Bethlehem u li sellmu lir-rgħajja b’dawn il-kliem: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba!”


Hija frażi qawwija li torbot il-glorja u t-tifħir li għandu jingħata lil Alla mal-paċi li għandha tirrenja fl-art. Din il-paċi, ħafna drabi, tiddependi fuq ir-rieda tajba tal-bnedmin. F’dawn iż-żminijiet, din l-għajta tal-paċi għandha tifsira doppja għax tfakkarna f’dawk l-imkejjen fejn hemm assenza kbira tagħha.


Il-qaddis Papa Ġwanni XXIII, ħa spunt minn din l-għajta tal-anġli u semma l-aħħar ittra-enċiklika tiegħu Pacem in Terris – Il-Paċi fl-Art. Hija ittra li mhux indirizzata biss lil-ħutu fl-episkopat jew lejn il-kleru jew il-Kattoliċi; il-Papa ikellem ukoll lil “bnedmin kollha ta’ rieda tajba.” Ġwanni XXIII ifisser li l-paċi hija “xewqa qawwija tal-bniedem ta’ kull żmien” u “tista’ biss titwaqqaf u tissaħħaħ b’qima sħiħa lejn l-ordni maħluq minn Alla.”


Jagħmel kuntrast ma’ dak li wieħed jista jara fis-soċjeta. Għax dan l-ordni donnu ma jaqbilx “mat-taħwid li jsaltan fost il-bnedmin u fost il-ġnus.” Anzi, xi kultant niġru bl-idea żbaljata li l-ftehim jista jintleħaq biss bl-użu tal-forza, l-vjolenza u l-oppressjoni! Fost dawn l-idejat żbaljati biex isaltan fostna l-ftehim, hemm ukoll l-idea tal-flus: mingħalina li bil-flus nistgħu nixtru kollox!


Ġwanni XXIII ifakkarna li ma jista qatt ikun hemm il-paċi fost il-bnedmin jekk ma hemmx il-paċi fil-qalb ta’ kull bniedem. Għalhekk irridu niftakru li, l-awgurju ta’ paċi li nixtiequ lil ħadd ieħor f’dawn iż-żminijiet jibda bina; jiddependi minni u kemm għandi paċi f’qalbi.


Dan l-awgurju ta’ paċi nsibuh kemm fil-lejl qaddis tal-Milied kif ukoll f’dik l-għodwa tal-Għid. Il-“qtajja tas-sema” jwasslu x-xewqa tal-paċi. Kristu Rxoxt jilqa lid-dixxipli tiegħu bil-kliem, “il-paċi magħkom.”


Din it-tħabbira tal-paċi mhix biss in-nuqqas tal-ġlied u l-inkwiet.

Għalina l-Insara hija t-tħabbira tal-paċi tiġi qabel il-misteri l-kbar tal-fidi tagħna. Għalina l-Insara, l-paċi hija don u sejħa.

U kif se nsibu din il-paċi waqt li madwarna naraw tant taħbit u inkwiet?

Il-paċi - fil-Milied u fl-Għid – narawhom propju f’dawn il-postijiet imwarrbin, fejn hemm l-inkwiet u l-biża:

Ma’ Marija, li minkejja li titħawwad mad-dehra tal-Anġlu, b’konvinzjoni tgħid ‘ikun minni skont kelmtek’ Ma’ Ġużeppi, li għalkemm mifxul bid-dubju u l-biża jibqa raġel ġust u jafda f’Alla Mal-Familja Mqaddsa li m’għandiex fejn twelled u tispiċċa mwarrba mal-bhejjem; Mar-rgħajja li jirgħu n-nagħaġ imwarbin fid-dalma tal-lejl;

F’dawn is-sitwazzjonijiet, Alla juri li l-paċi tiegħu biss tagħti tama għal futur aħjar għax tfakkarna li “d-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.”



Ningħaqdu flimkien illejla bħala kommunità, għax hija propju għal din l-għaqda ta’ bejnietna li jitwieled Kristu. Hija f’din l-għaqda ta’ bejnietna li nsiru nafu aktar lill-Alla. Kif ifakkarna l-Papa Benedittu XVI, meta nsejħu lill-Alla “Missierna” nindunaw li huwa l-missier tagħna lkoll u aħna lkoll ulied tiegħu.


L-awgurju tagħna u tal-patrijiet agostinjani li jgħixu f’dan il-kunvent u li f'dan il-ħin jinsabu fit-tliet komunitajiet li huma jaqdu, huwa li ngħixu propju dan u li nilqgħu bil-ferħ dak li seħħ bħal-lejla.


Missierna Santu Wistin jħeġġiġna:

“Ejjew niċċlebraw it-twelid tal-Mulej bl-attenzjoni u bl-entużjażmu li okkażjoni bħal din jixirqilha” “Ifirħu intom il-ġusti. Illum jitwieled dak li jġib il-ġustizzja.” “Ifirħu intom li intom dgħajfa u morda. Illum jitwieled dak li jfejjaq.” “Ifirħu intom li tinsabu fil-jasar. Illum jitwieled is-Salvatur.” “Ifirħu intom li intom ilsira. Illum jitwieled il-Mulej.” “Ifirħu intom li tinsabu ħielsa. Illum jitwieled dak li jeħles.” “Jifirħu l-Insara kollha, għax illum twieled Ġesu Kristu.” (s. 2,2)

Tag Cloud
bottom of page