top of page

Santu Wistin, l-Imħabba u l-Politika



L-Artiklu deher fil-gazzetta 'Il-Lehen' tad-29 ta' Awissu 2021.


Fit-28 ta’ Awissu, il-Knisja tfakkar il-festa ta’ Santu Wistin, Duttur tal-Knisja u wieħed minn l-iktar persunaġġi importanti li fuq il-ħsibijiet tiegħu tfassal ħafna mill-ħsieb tal-Punent (jekk mhux favurih, allura b’reazzjoni kontrih).


Iktar kmieni din is-sena, propju waqt l-Inawgurazjoni tiegħu, il-President Amerikan Joe Biden għoġbu jiċċitta lil Santu Wistin fid-diskors tiegħu: “Many centuries ago, Saint Augustine, a saint in my church, wrote that a people was a multitude defined by the common objects of their love.”


Din il-kwotazzjoni, addattata mill-Ktieb XIX tal-Belt t’Alla, xprunat reazzjonijiet varji. Kien hemm bosta li kienu pożittivi. L-iskular C.C. Pecknold kien inqas partiġġan u ra’ din il-kwotazzjoni fl-isfumaturi kollha li fuqhom jinbena x-xogħol ta’ Wistin.


Pecknold kiteb: “President Biden is right that we need unity. He is right that we need truth. He is right that we need common agreement about what is truly good. Yet without an honest evaluation of how low our common objects of love have sunk, and without any sense of how we could be drawn back up the metaphysical scale by God’s grace, Biden's call to unity is empty rhetoric.”


“Failing to read Augustine well, President Biden fails to identify the only common object of love that Saint Augustine thought mattered for a true commonwealth: God.”


*****


Ikolli nistqarr li naqbel ferm mal-interpretazzjoni ta’ Pecknold. Il-problema prinċipali, kif anki jikteb l-istudjuż Eric Gregory, mhix in-nuqqas ta’ mħabba – imma l-imħabba żejda lejn l-affarijiet li mhux tajbin! F’dan is-sens, l-imħabba trid titbiegħed minn dawk l-affarijiet li jagħmlu l-ħsara u titqarreb lejn dak li jagħmel u jiswa l-ġid.


Naturalment, fid-diskors politiku, wieħed joqod lura milli jsemmi kunċetti teoloġiċi bħad-dnub. Iżda dan għandu wkoll dimensjonijiet politiċi, u biex wieħed ikun ġust mal-ħsieb ta’ Wistin, wieħed ma jistax jinsa din ir-realtà.


Għax id-dnub huwa realtà li toħnoq ir-relazzjonijiet; mhux biss dik tagħna mal-Ħallieq, iżda wkoll tagħna man-nies ta’ madwarna. Kif jikteb tajjeb Wistin, id-dnub huwa dak li, fil-moħħ korott tal-bniedem, jipprova jieħu u jipposjedi dak li hu ta’ Alla. Id-dnub huwa parodija tas-sewwa u xi kultant juri ruħu bħala xi ħaġa tajba.


Wistin iġib eżempji varji, fosthom l-għarfien fl-Eden. L-għarfien, fih inniffsu, huwa tajjeb. Imma meta l-bniedem jaħseb li huwa għaref bħal Alla, allura jagħmel parodija mit-tajjeb, u jispicca jagħmel xi ħsara ukoll.


L-istess diskors jgħodd għall-Insara. Is-sehem fil-Knisja, t-twemmin u l-azzjonijiet tajba m’humiex garanzija ta’ imħabba orjentata tajjeb. L-imġieba tajba taf tkun ukoll immottivata minn ambizzjoni personali, suppervja u umiltà falza.


*****


Wistin iħares lejn l-imħabba b’mod fin u b’lenti sottili mingħajr ir-romantiċiżmu kontemporanju. L-imħabba la ma hi manipulazzjoni u l-anqas aljenazzjoni; anzi, tagħraf li jeżisti dan il-periklu. L-imħabba taffaċja r-realtà u tixtieq il-ġid għal ħadd ieħor, imma ma’ taħtafx lil ħadd ieħor u ddaħlu f’nassa ta’ agenda personali. L-imħabba ma’ tixtieqx biss il-ġid materjali ta’ ħadd ieħor – mhix sempliċiment filantropika – imma hija wkoll evanġelika.


Il-famuża frażi ta’ Wistin – “qalbna ma ssibx mistrieħ jekk ma tistrieħx fik” – turina wkoll li l-imħabba fiha nfisha hija xewqa kostanti li Alla biss jista jissodisfa b’mod sħiħ. Il-bniedem, fil-limitazzjonijiet tiegħu, jaf jara l-imħabba mhux biss bħala għotja imma wkoll bħala pussess, bil-konsegwenza li l-iżvilupp tal-bniedem jinħonoq.


*****


Wieħed jaf jistaqsi, f’dan il-kuntest, kif jista l-kliem ta’ Wistin japplika fid-dinja preżenti, speċifikament fil-kuntest soċjo-politiku.


Il-mistoqsija li saret fl-Amerika, għandha tiġi mwieġba ukoll fostna: x’inhuma l-prijoritajiet tas-soċjetà? U, iktar minn hekk, lejn xiex hija indirizzata “l-imħabba” tagħna?


Il-kwistjoni prinċipali fil-politika tibqa dejjem dwar il-mod kif aħna naraw il-bniedem. Il-viżjoni tagħna tal-bniedem se tirifletti l-mod kif infasslu l-politika tagħna u kif norganizzaw is-soċjetajiet tagħna.

Jekk it-tweġiba tagħna se tkompli tkun waħda superfiċjali, ma’ tantx nara tama għas-soċjetà tagħna.


Tag Cloud
bottom of page